Il-ġurati li qed jisimgħu l-ġuri ta’ Amo Frank Kwaku, akkużat bil-qtil ta’ Isaac Kwabena Kyere, żaru l-post fil-Marsa fejn allegatament seħħ l-omiċidju f’Ġunju tal-2021.
Iż-żjara saret fi Triq il-Ġerrejja, qrib il-pont pedonali fejn, skont il-Prosekuzzjoni, Kyere safa aggredit b’sikkina u ngħata sa 18-il daqqa.
Fuq il-post kien hemm ukoll l-akkużat Amo Frank Kwaku, li huwa mill-Ghana, akkumpanjat minn uffiċjali tal-ħabs u mill-interpretu tiegħu. Preżenti kienu wkoll l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li qed tippresiedi l-ġuri, kif ukoll l-avukati involuti fil-każ.
Iż-żjara damet madwar siegħa u saret fir-raba’ jum tal-ġuri.
Il-Prosekuzzjoni qed tallega li fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Ġunju 2021, Kwaku u Kyere kienu jinsabu fid-dar ta’ ħabib f’Marsa meta nqala’ argument bejniethom dwar flixkun whisky.
Skont il-każ imressaq mill-Avukat Ġenerali, iż-żewġt irġiel ħarġu mill-post separatament, iżda aktar tard reġgħu ltaqgħu qrib il-pont pedonali fi Triq il-Ġerrejja.
Huwa hemmhekk li l-Prosekuzzjoni qed tallega li Kwaku attakka lil Kyere b’sikkina.
Kwaku qed jiffaċċja akkużi fosthom omiċidju volontarju, arrest, detenzjoni jew żamma illegali tal-vittma kontra r-rieda tiegħu waqt li allegatament ikkawżalu ġrieħi, ġarr ta’ arma waqt it-twettiq ta’ reat kontra persuna u diżubbidjenza għall-ordnijiet tal-Pulizija.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Tobba rrakkontaw l-isforzi biex isalvaw lil Kyere
Aktar kmieni matul il-ġuri, żewġ tobba konsulenti tal-emerġenza taw ix-xhieda tagħhom dwar il-mument meta ppruvaw isalvaw il-ħajja ta’ Kyere.
Dr Michael Spiteri xehed li meta waslu biex jagħtuh l-għajnuna, Kyere kien miksi bid-demm u qalbu kienet waqfet.
Huwa identifika żewġ feriti kritiċi fost dawk li kellu l-vittma: waħda fuq in-naħa tax-xellug ta’ sidru u oħra fiż-żona ta’ żaqqu.
Dr Jonathan Joslin ukoll iddeskriva diversi feriti oħra li ra fuq il-ġisem tal-vittma, fosthom f’għonqu u fuq spalltu.
Huwa qal ukoll li Kyere kellu diversi qatgħat f’idejh, li skont it-tabib setgħu kienu ġrieħi li ġarrab waqt li kien qed jipprova jiddefendi ruħu.
Il-Prosekuzzjoni qed issostni li Kyere ngħata jew sofra mill-inqas 18-il daqqa u qatgħa matul l-aggressjoni, b’uħud mill-feriti jirriżultaw fatali.







